Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti inawguraw il-proġett ta’ restawr ekoloġiku fuq l-Għolja ta’ Għammar, ħdejn is-Santwarju Ta’ Pinu, Għawdex. Dan il-proġett b’valur totali ta’ miljun ewro huwa kofinanzjat minn fondi Ewropej.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “fl-ewwel 100 jum tal-Leġiżlatura l-Ġdida, implimentajna l-wegħda tal-proġett tar-restawr ekoloġiku fuq l-Għolja ta’ Għammar. Bi qbil mal-amministrazzjoni tal-Kurja, il-Ministeru daħal f’impenn fuq art tal-Knisja sabiex tkun riġenerata din iż-żona li matul is-snin spiċċat fi stat dilapidat u eventwalment provdejna spazju aħdar miftuħ. Dan il-proġett involva r-riabilitazzjoni u r-restawr ekoloġiku ta’ parti mill-Għolja ta’ Għammar fuq medda ta’ madwar 8,500 metru kwadru, 7 tomniet u nofs, li se jkun qed jipprovdi l-abitat mixtieq għall-bijodiversità lokali.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li “s-suċċess tal-Fondi Ewropej ma jitkejjilx biss minn kemm jirnexxilna niksbu fondi għal Malta u Għawdex, iżda minn kif nużawhom biex inwieġbu għall-ħtiġijiet ta’ pajjiżna u nħallu valur dejjiemi. Dan il-proġett huwa eżempju konkret ta’ kif il-finanzjament Ewropew qed jgħinna nipproteġu l-pajsaġġ, inħarsu l-ambjent u nippreservaw parti importanti mill-identità rurali Maltija u Għawdxija għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja Anthony Bezzina spjega li din il-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-Knisja qed twassal għal Għawdex aktar sostenibbli, b’ekonomija aktar reżiljenti f’dan il-każ permezz ta’ investiment fil-prodott turistiku għal Turiżmu Reliġjuż, soċjetà iktar b’saħħitha permezz ta’ iktar spazji miftuħa ta’ kwalità u ambjent iktar protett permezz ta’ investiment fil-ħarsien tar-riżorsi naturali ta’ gżiritna.
L-interventi f’dan il-proġett kienu jinvolvu l-bini mill-ġdid ta’ madwar 1,700 metru kubu ħitan tas-sejjieħ, ir-riġenerazzjoni tal-ħamrija sabiex tipprovdi l-ambjent addattat għat-tħawwil, it-tħawwil ta’ madwar 1,000 siġra endemika li se jkun segwit minn tħawwil ta’ madwar 3,000 arbuxxell endemiku u, numru ta’ servizzi mekkaniċi u elettriċi inkluż l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni għat-tisqija meħtieġa.